Home One News Aktar minn miljun ewro minn fondi ewropej biex tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija u...

Aktar minn miljun ewro minn fondi ewropej biex tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija u l-biedja organika

6
0
SHARE
Advertisement

Is-Segretarju Parlamentari għall-agrikoltura Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Aaron Farrugia ħabbru żewġ miżuri mmirati biex jgħinu lill-bdiewa fl-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-ħamrija kif ukoll għall-konverżjoni ta’ prattiċi u metodi organiċi.

Camilleri qal li taħt l-ewwel miżura (soil management) qed tingħata għajnuna ta’ €213.75 għal kull tomna fis-sena, bil-mira li l-livell ta’ materja organika fil-ħamrija tilħaq it-3% sal-aħħar tat-terminu tal-kuntratt ta’ 5 snin, dan filwaqt li għat-tieni miżura (organic practices) qed tingħata għajnuna ta’ €135 għal kull tomna matul l-ewwel 2-3 snin tal-perjodu ta’ konverżjoni.

 Farrugia qal li mill-ewwel miżura jistgħu jibbenefikaw madwar 500 bidwi fejn se jieħdu bejniethom madwar miljun ewro. L-applikazzjoni hija miftuħa u tagħlaq fit-23 ta’ Frar. Aaron Farrugia qal ukoll li l-prattika tal-biedja organika toffri diversi benefiċċji, kemm ambjentali kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem.  Huwa spjega kif taħt din it-tieni miżura hemm allokati madwar mija u sebgħin elf ewro kofinanzjati minn fondi Ewropej.
Clint Camilleri ħeġġeġ lill-bdiewa li huma interessati biex japplikaw għal dawn il-fondi sabiex jingħataw għajnuna kemm għall-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-ħamrija kif ukoll għall-prattiċi u għall-metodi tal-biedja organika.

“M’għandix dubju li din l-għajnuna li qed nagħtu fil-forma ta’ fondi Ewropej se tirriżulta f’iktar kompetittività u allura mhux biss prodott aqwa iżda wkoll prezz iktar kompetittiv”, qal is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.

Dawn huma miżuri oħra minn pakkett ta’ mizuri b’għajnuna għall-bdiewa li jlaħħqu t-total ta’ 130 miljun ewro f’fondi kofinanzjati mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.

L-ewwel miżura hija mmirata għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Mmaniġġjar u Konservazzjoni tal-Ħamrija (soil management). Din hija skema li taqa’ taħt il-Miżura 10.1 tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020, tikkonċerna pagamenti għall-impenji agro-ambjentali klimatiċi, imsejħa fil-qosor AECM 5, u tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-bdiewa sabiex jimplimentaw pjan ta’ mmaniġġjar u konservazzjoni tal-ħamrija. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li sservi ta’ inċentiv sabiex il-bdiewa jimplimentaw pjan ta’ mmaniġġjar u konservazzjoni tal-ħamrija li għandu jindirizza tliet riskji ewlenin għall-ħamrija: l-erożjoni, it-tirsis, u l-livell baxx ta’ materja organika fil-ħamrija.

Talbiet għall-għajnuna taħt din l-iskema se jerġgħu jintlaqgħu wkoll fis-sena 2019, u d-dati tal-perjodu tas-sejħa 2019 se jkunu mħabbra għal min hu interessat.

It-tieni miżura hija Pagament għall-Konverżjoni għal Prattiċi u Metodi tal-Biedja Organika (organic practices). Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li mhuwiex faċli li l-biedja organika tirnexxi f’Malta minħabba d-daqs żgħir tal-għelieqi u l-azjendi frammentati, fatturi li jagħmluha iebsa ħafna li tiġi evitata l-kontaminazzjoni minn prattiċi agrikoli li jitwettqu fl-għelieqi tal-viċinat. Għalhekk, il-ksib ta’ status organiku f’Malta mhuwiex kompitu faċli. Madanakollu, hemm xi bdiewa li għadhom interessati li jkomplu b’din il-konverżjoni. Din is-sotto miżura toffri l-għażla lill-bdiewa interessati fil-biedja organika li jikkonvertu parti mill-produzzjoni tagħhom (jew il-produzzjoni tagħhom kollha) għall-prattiċi tal-biedja organika. Il-konverżjoni teħtieġ iż-żmien sabiex tistabbilixxi sistemi ta’ operazzjonijiet kif ukoll biex tikseb l-appoġġ konsultattiv u t-taħriġ biex issir il-biedja organika.

Kull min hu interessat sabiex jibbenefika minn għajnuna taħt waħda minn dawn l-iskemi huwa mħeġġeġ sabiex iżur is-sit tal-Awtorità ta’ Ġestjoni www.eufunds.gov.mt minn fejn jistgħu jitniżżlu l-linji gwida rilevanti li jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar din l-iskema.

Barra minn hekk, wieħed jista’ wkoll iżur jew iċempel il-front office fuq 22 92 61 48 (Malta) jew 22 15 69 74 (Għawdex), jew jibgħat email lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali fuq arpa.mesdc@gov.mt, jew lill-Aworità ta’ Ġestjoni fuq rdd.meae@gov.mt.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here