Home Net News Il-Korea t’Isfel: Stedina li tista’ twassal għal żblokk mal-ġar komunista

Il-Korea t’Isfel: Stedina li tista’ twassal għal żblokk mal-ġar komunista

38
0
SHARE
Advertisement

 

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, stieden lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, biex iżur pajjiżu, b’dan l-iżvilupp qed jitqies bħala partikularment sinifikanti meta ż-żewġ Stati ġirien ilhom teknikament fi stat ta’ gwerra mindu l-gwerra ta’ bejniethom fis-snin ħamsin kienet intemmet b’armistizju.

L-istedina bil-miktub ingħatat personalment lill-President Moon Jae-in mingħand Kim Yo-jong, oħt Kim Jong-un li għandha influwenza kbira f’pajjiżha, waqt laqgħa fil-Palazz Presidenzjali ta’ Seoul. Dan meta Kim Yo-jong u l-Kap tal-Istat ċerimonjali tal-Korea komunista, Kim Yong-nam, qegħdin imexxu l-aktar delegazzjoni għolja minn Pyogyang fil-Korea t’Isfel miż-żmenijiet tal-Gwerra Koreana.

Il-President Jae-in u Kim Yo-jong kielu flimkien u tkellmu għal tliet sigħat, waqt li hi ħeġġet lill-Mexxej tal-Korea t’Isfel biex iżur pajjiżha ‘mill-aktar fis’. Dan kollu qed jawgura għall-ewwel summit f’aktar minn għaxar snin bejn il-Mexxejja tal-Korej rivali.

Intant, Moon Jae-in qal li l-Korej ‘għandhom jaslu għat-tragward ( il-laqgħa proposta) waqt li ħeġġeġ lill-Korea ta’ Fuq biex tirritorna għan-negozjati mal-Istati Uniti.

Ingħad ukoll li Kim Yo-jong ħalliet nota fil-palazz fejn esprimiet tama li ‘Pyongyang u Seoul isiru aktar  qrib xulxin fil-qlub tal-Koreani’. Hi anki awgurat ‘għall-unifikazzjoni u prosperità fil-futur qarib’. Dan meta, fil-preżent, qed isiru l-Olimpjadi tax-Xitwa fi Pyeongchang ( fil-Korea t’Isfel) fejn qed jieħu sehem kontinġent tal-Korea komunista.

Il-laqgħa bejn il-President tal-Korea t’Isfel u oħt Kim Jong-un, madankollu, saret wara li l-Istati Uniti wissiet kontra kuntatti ta’ dan il-livell bejn Seoul u Pyongyang. Il-Gvern Amerikan qed jinkwieta li l-Korea t’Isfel tista’ temmen bis-sħiħ ‘li l-Korea ta’ Fuq qed tibdel l-aġir meta jista’ ma jkunx il-każ’ u meta bħalissa għad hemm it-tensjoni akuta dwar il-programmi nukleari u l-produzzjoni ta’ armamenti ta’ Pyongyang.

The post Il-Korea t’Isfel: Stedina li tista’ twassal għal żblokk mal-ġar komunista appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here