Home Net News Il-Pulizija għandha tiftaħ investigazzjoni dwar id-deal ta’ Vitals – Roberta Metsola

Il-Pulizija għandha tiftaħ investigazzjoni dwar id-deal ta’ Vitals – Roberta Metsola

73
0
SHARE
Advertisement

Hu inkwetanti ħafna li xhur qabel il-Gvern kien ħareġ is-sejħa għall-offerti għall-konċessjoni tat-tliet sptarijiet f’Malta, l-investituri li spiċċaw ħadu l-kuntratt, kienu diġà ffirmat ftehim bejniethom b’dettalji speċifiċi marbuta mal-konċessjoni. Jeżistu mistoqsijiet serji li għadhom ma twieġbux, fosthom il-fatt li l-Gvern biegħ l-apparat tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare għall-prezz ta’ €1 biss. Dan minbarra l-fatt li l-Ministru nvolut f’dan id-deal hu Konrad Mizzi, u li allura hu ovvju li dan id-deal ikun wieħed suspettuż. Dan qalitu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fi stqarrija.

Roberta Metsola qalet: “Kollox jindika li dan id-deal kien ħadma mill-bidu sal-aħħar, li tgawdi minnu l-kumpanija Vitals – kumpanija li m’għandha ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa, iżda li ngħatat il-konċessjoni biex tmexxi tliet sptarijiet f’Malta u f’Għawdex li jiswew maż-żewġ biljun ewro, u li issa spiċċat tbiegħhom għall-profitti kbar. Hemm wisq mistoqsijiet li m’għandniex it-tweġibiet għalihom, wisq suspetti u koinċidenzi, wisq akkużi ta’ korruzzjoni, wisq affarijiet moħbija biex dan id-deal ma jiġix skrutinizzat kif suppost.”

Hi sostniet li l-Parlament Ewropew se jkompli jara jekk dan in-negozju kisirx ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, u qalet li se tkompli tappoġġja kull tip ta’ azzjoni li tiddefendi d-drittijiet tal-pazjenti kif ukoll is-settur tas-saħħa f’Malta. Madanakollu, qalet Metsola, il-fatti żvelati u l-implikazzjonijiet huma tant serji li hemm bżonn l-intervent ta’ min suppost jara li ma tinkisirx il-liġi. Iżda hu gravi li l-Kummissarju tal-Pulizija, sa issa, baqa’ ma qal u ma għamel xejn f’każ ieħor li jinvolvi l-Gvern ta’ Muscat, qalet Metsola.

B’hekk, qed tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern biex jgħid x’inhi l-verità dwar dan il-ftehim. L-Awditur Ġenerali qed jinvestiga dan id-deal u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ressaq protest ġudizzjarju li jispjega kif Vitals fallew milli jimxu skont il-kuntratt – protest ġudizzjarju li jsejjaħ lill-Awtorità tal-Artijiet biex tieħu l-passi kollha li tippermetti l-liġi biex il-Gvern jieħu lura l-isptarijiet. Dan minbarra l-fatt li t-tobba huma lesti li jwettqu azzjonijiet industrijali l-ġimgħa d-dieħla.

Roberta Metsola

Roberta Metsola qalet li meta għajnejn l-Ewropa qegħdin fuq Malta, Gvern responsabbli għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex juri li m’għandu xejn x’jaħbi fuq dan il-kuntratt. Minflok, il-Gvern qed jibqa’ jaħbi u jiddefendi lill-Vitals minflok l-interess nazzjonali.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista temmet tgħid: “Joseph Muscat mhux jifhem kemm aħna determinati li l-verità kollha ta’ dan il-ħmieġ toħroġ, u li naraw kull mod possibbli biex niproteġu s-servizz tas-saħħa u l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

FILMAT: Il-Prim Ministru jibqa’ jaħrab mistoqsijiet tal-Kap tal-PN dwar VITALS

The post Il-Pulizija għandha tiftaħ investigazzjoni dwar id-deal ta’ Vitals – Roberta Metsola appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here