Home One News €17,650 f’għotjiet lil NGOs li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali

€17,650 f’għotjiet lil NGOs li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali

50
0
SHARE
Advertisement

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ta għotjiet lil għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali. Dawn l-NGOs jieħdu ħsieb li jiċċekkjaw u jagħmlu l-verifiki tagħhom dwar l-ambjent li fih ikunu sejrin l-annimali li jiġu addottati mill-Animal Welfare sabiex jassiguraw li qegħdin jgħixu f’post fejn jixraqilhom u għalhekk huma mħarsa sew. L-NGOs jibqgħu jsegwu l-annimali anke wara li jiġu addottati.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-ammont totali li se jingħata jlaħħaq is-€17,650 u l-NGOs li qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet huma Tomasina, CSAF, AAA, Island Sanctuary u Noah’s Ark. Il-ħames NGOs li qegħdin jibbenefika, iċċekkjaw u għamlu l-verifiki dwar l-annimali addottati fil-perjodu bejn April u Settembru 2017.Clint Camilleri rringrazzja lil dawn l-għaqdiet tax-xogħol siewi li jagħmlu favur il-ħarsien tal-annimali u enfasizza fuq l-importanza tal-ħidma bejn l-għaqdiet mhux governattivi u d-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare.

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jservi bħala intermedjarju fi proċess għall-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu mal-annimali sabiex jipprovdu post permanenti għal dawn l-annimali. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali irringrazzja lil dan id-Direttorat li jipprovdi l-kura neċessarja u post għall-annimali li jisfaw vittmi ta’ krudeltà, jew ikunu mweġġgħin jew abbandunati sakemm dawn jittieħdu minn NGOs differenti meta tinstabilhom dar, jiġifieri meta jiġu addottati.

Bħalissa l-NGOs qegħdin jibbenefikaw minn ħlasijiet skont it-tabella t’hawn taħt sabiex ikunu jistgħu jiċċekkjaw u jivverifikaw li l-annimali addottati huma mħarsa u trattati tajjeb. Il-ħlasijiet ivarjaw skont l-annimal addottat, minn ġriewi li għalihom jingħataw €50 sa klieb anzjani li għalihom jingħataw €130.

Il-qtates kollha €70
Ġriewi sal-età ta’ 6 xhur €50
Kelb żgħir sa 10kgs (bħal razez imħalltin, Chihuahuas, Poodles, Pugs, Yorkshires, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin €70
Kelb ta’ daqs medju sa 27kgs (bħal razez imħalltin, Fox Terriers, Springer Spaniels, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin €90
Kelb kbir ’il fuq minn 27 kgs (bħal razez imħalltin, Rottweilers, Alaskan Malamutes, Sharpei, German Pointer, English Pointer, Siberian Husky, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin €110
Klieb ’il fuq minn 7 snin irrispettivament mid-daqs u mir-razza €130

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħeġġeġ aktar għaqdiet mhux governattivi sabiex jimxu fuq il-pass ta’ dawn l-NGOs u jgħinu fil-proċess tal-addozzjoni tal-annimali.

Huwa fakkar kif il-Gvern wiegħed li se jagħti importanza u jilħaq il-miri f’dan is-settur u għalhekk huwa kommess li jgħin anke b’sostenn finanzjarju lill-għaqdiet mhux governattivi li jagħtu sehemhom. Hu temm jgħid li l-għotjiet li ngħataw illum lil dawn l-NGOs huwa eżempju wieħed ta’ għajnuna li qiegħda tingħata lill-għaqdiet mhux governattivi bħala rikonoxximent tal-isforz u l-kontribuzzjoni valida u effettiva li jagħmlu fis-settur.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here