Home Net News L-amministrazzjoni tal-MCAST qed tipprova tagħmel sarima ma ħalq l-edukaturi – l-MUT

L-amministrazzjoni tal-MCAST qed tipprova tagħmel sarima ma ħalq l-edukaturi – l-MUT

68
0
SHARE
Advertisement

L-amministrazzjoni tal-MCAST qed tipprova tagħmel sarima ma’ ħalq l-MUT u l-edukaturi. Kienet din id-dikjarazzjoni qawwija ta’ Marco Bonnici, President tal-MUT, l-għada li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni biex l-azzjonijiet industrijali li ħabbret il-union tal-għalliema jiġu sospiżi.

Fuq ordni tal-Qorti, fl-MCAST kellu jiġi pospost strajk ta’ sagħtejn kuljum għall-Ħamis u l-Ġimgħa hekk kif hemm nuqqas ta’ qbil dwar ftehim kollettiv għal-letturi tal-MCAST wara li dak preċedenti skada fl-2016.

Marco Bonnici ddikjara li l-MUT qatt m’affaċċjat sitwazzjoni simili fl-istorja tal-MCAST, fejn akkuża lill-amministrazzjoni li qed iċċaħħad lill-impjegati tagħha minn talbiet ġusti.

Il-ftehim kollettiv hu dwar erba’ gradi differenti, li jinkludu l-letturi, impjegati li joffru servizzi lill-istudenti, Learning Support Assistants kif ukoll impjegati tekniċi.

Bonnici qabbel l-MCAST mal-impjegati ta’ istituzzjonijiet oħra, bħall-Junior College, fejn qal li l-kundizzjonijiet fl-MCAST huma miżeri.

Akkuża wkoll lill-MCAST bi ksur tal-protezzjoni tad-data, meta r-rappreżentanti tal-istudenti ntlabu jiġbru r-rassenja ta’ sħabhom minflok l-edukaturi, li ntlabu ma jagħmlux dan bħala parti mill-azzjonijiet industrijali.

Min-naħa tal-MCAST, iċ-Chairman Silvio Debono ċaħad li l-istituzzjoni qed tipprova tagħlaq ħalq xi ħadd għaliex qal li l-azzjonijiet industrijali huma dritt. Madankollu qal li dawn jittieħdu meta jkun hemm raġuni.

Akkuża lill-MUT li ftit wara li kien hemm ftehim li ssir laqgħa nhar it-Tlieta, minflok ħabbret azzjonijiet industrijali. Qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin tant li l-MCAST se jippreżenta proposta ġdida li tqarreb sew it-talbiet tal-union tal-għalliema.

Filwaqt li ċaħad li hemm tkaxkir tas-saqajn min-naħa tal-MCAST, fakkar li diġa hemm qbil fil-prinċipju biex jiddaħħal grad ġdid għal senior lecturers u riċerkaturi, titjib konsiderevoli fil-pagi, work resource allowance doppja kif ukoll ħlas ogħla għal ħin żejjed maħdum.

Filwaqt li ddikjara l-azzjonijiet tal-MUT bħala irresponsabbli, qal li r-responsabbiltà tal-MCAST hi li jkunu protetti l-istudenti u l-impjieg tal-letturi, u għalhekk appella biex l-MUT tirritorna għad-diskussjoni.

Ċaħad l-akkużi ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data, għaliex qal li l-MCAST ried jiġbor l-attendenza biex jiżgura l-istipendju tal-istudenti u qal li d-dewmien fit-taħdidiet kien ukoll kawża ta’ elezzjoni interna għall-Presidenza tal-MUT li ħadet xhur.

Silvio Debono ħabbar li saret talba lid-Direttur tax-xogħol biex iż-żewġ partijiet jiltaqgħu mill-ġdid u talab lill-MUT biex tinża minn dik li sejħilha bħala suppervja. Dawn l-azzjonijiet industrijali qed isiru jiem biss qabel jibdew l-eżamijiet ta’ dawn l-istudenti.

The post L-amministrazzjoni tal-MCAST qed tipprova tagħmel sarima ma ħalq l-edukaturi – l-MUT appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here