Home One News PJAZZA TRITONI LURA GĦALL-PUBBLIKU

PJAZZA TRITONI LURA GĦALL-PUBBLIKU

8
0
SHARE
Advertisement

Minn venda tal-linja, l-akwati tal-Funtana tat-Tritoni, ingħataw lura lill-poplu bħala spazju pubbliku, f’forma ta’ pjazza.

Dan hekk kif f’inqas minn sena xogħol, proprju wara tliet mitt jum ta’ ħidma, il-figuri tal-bronz ta’ fuq l-istatwa ttieħdu għar-restawr lil hinn minn xtutna, waqt li l-akkwati ddawru fi pjazza mill-isbaħ, li se tkun qed titgawda minn dawk kollha li se jidħlu fil-Belt Valletta.

Fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni li saret il-Ġimgħa filgħaxija fl-istess pjazza, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Pjazza Tritoni hi waħda minn kullana ta’ bidliet kbar li tinsab għaddejja minnhom il-Belt Valletta, bidliet li ġejjin minn proġetti li saru kemm minn din l-amministrazzjoni, kif ukoll ta’ qabilha.

Il-Prim Ministru qal li minkejja dawn il-bidliet, l-ikbar bidla li qed issir hija waħda ta’ mentalità, attitudni, u tal-mod kif qed ngħixu l-kapitali tagħna.

Dr Muscat irrakkonta kif fil-bidu tal-ħajja politika lokali tiegħu, l-ikbar lment li kien jaffaċċja mingħand il-Beltin u mingħand in-negozjanti huwa li hekk kif jgħaddi l-ħin tax-xogħol, il-kapitali bħallikieku tmut, hekk kif kienu jilmentaw li n-nies ma kienux għadhom isibuha faċli biex jidħlu l-Belt, u b’konsegwenza, n-negozju kien qed jintilef għal postijiet oħra f’pajjiżna.

B’ironija qal li llum-il ġurnata l-istess persuni qed igergru li qed jidħlu wisq nies fil-Belt Valletta, u li ma jistgħux ilaħħqu man-negozju.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa sforz ta’ ħidma sfiqa li qed iwettaq dan il-Gvern, fit-tentattiv li jirriġenera l-kapitali ta’ pajjiżna. Madanakollu, fakkar kif għad hemm sfidi li jridu jiġu megħluba, partikolarment ir-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt.

Hawn iddeskriva lil Evans Building, bħala post li kapaċi joħloq ċentru ta’ ħajja ieħor fl-istess Belt, waqt li fakkar li għad trid tiġi rranġata l-binja tal-iskola primarja tal-Belt Valletta.

Dwar in-negozji ġodda li qed jinbtu fil-Belt Valletta f’dawn iż-żminjiet, qal li l-privat qed iħossu komdu li jinvesti, u li l-lukandi żgħar u lussużi u s-Suq tal-Belt huma xhieda ta’ dan.

Fi tmiem id-diskors tieghu, Dr Muscat iddeskriva l-attivitajiet li se jiftħu s-siparju tal-Valletta18, bħala ċans biex il-poplu Malti jkompli jingħaqad dejjem iktar.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li jħoss sodisfazjon kbira li jagħmel parti minn ministeru li qed jagħmel daqstant diffetenza fid-dehera ta’ pajjiżna, u li permezz tagħhom, spazji pubbliċi qed jingħataw lura lill-poplu.

Dr Borg faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema nvoluti, fejn qal li bi bżulija dawn rnexxielhom ilestu kollox f’temp ta’ tliet mitt jum.

Il-Ministru qal li wara snin twal li matulhom din il-funtana ġiet minsija, tant li qatt ma ġiet inawgurata, u tħalliet fi stat ta’ telqa li qatt ma kien jixirqilha, din l-amministrazzjoni ħadet l-azzjoni mistħoqqha u tefgħet ħarsitha fuq dan il-monument ċentrali għall-kultura tagħna.

Semma wkoll il-fatt li x-xogħol beda taħt il-Ministru preċedenti Joe Mizzi, waqt li faħħar il-kontribut li ta dan tal-aħħar.

Intant, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan il-proġett, li sar b’investiment ta’ tmien miljun u nofs ewro, sar bil-għan li jiżviluppa iktar spazji miftuħa għall-pubbliku, u bl-iskop prinċipali li jitneħħew il-karozzi tal-linja u l-konġestjoni li kien hemm fil-pjazza.

Dr Mizzi żied li din il-pjazza l-ġdida, se sservi bħala waħda mill-erba’ pjazzez prominenti li se jintużaw fil-Valletta 18 u fil-ftuħ ta’ din l-età.

Semma wkoll il-fatt li l-proġett sar b’konsultazzjoni mal-kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità, biex jiġi assigurat li d-dħul għall-belt kapitali tagħna jkun wieħed verament aċċessibbli għal kulħadd.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here