Home TVM (Bil-Malti) Jitneħħa l-periklu kkawżat mill-maltemp f’Għar Lapsi

Jitneħħa l-periklu kkawżat mill-maltemp f’Għar Lapsi

8
0
SHARE
Advertisement

Fi tmiem il-ġimgħa, il-maltemp kisser ix-xogħolijiet li saru fil-bidu tas-Sajf f’Għar Lapsi, tant li żviluppa xi periklu fil-bajja għall-għawwiema.

Ritratti u filmati li ċċirkolaw fuq is-siti soċjali juru li tkissru xi faċilitajiet li twaħħlu biex jagħmluha faċli għall-għawwiema jinżlu jgħumu, bil-konsegwenza li dawn inġarrew mill-mewġ li beda jħabbat bla heda mal-blat li jdawwar il-bajja fejn hemm l-għar.  Il-periklu wassal biex kien hemm xi persuni li weġġgħu minħabba l-ħsarat li saru bil-baħar qawwi li ħakem l-inħawi.

F’kummenti lil tvm.com.mt kelliem għall-Gvern qal li minħabba l-ħsarat li kkawża l-maltemp, l-infrastruttura li twaħħlet f’Għar Lapsi tneħħiet, minkejja li d-dannu huwa minimu.  Qal li t-twapet tneħħew bi prekawzjoni, biex ma tiżviluppax ħsara konsiderevoli li jwasslu biex l-isforzi li saru matul dan is-Sajf għat-tisbiħ taż-żona jispiċċaw fix-xejn.

Spjega kif hija proċedura normali li dawn jinqalgħu fix-xhur tax-Xitwa biex jinħażnu fil-workshops ta’ Pembroke u tal-Mellieħa.  Ix-xogħol sar minn ħaddiema tad-Direttorat ghat-Tindif is-Sibt u l-Ħadd li għadda.

Bhalissa l-ħaddiema tal-workshops tad-Direttorat għat-Tindif ikunu fuq allert biex jekk ikun hemm il-ħtieġa, tinqala’ l-infrastruttura li tista’ tkun ta’ periklu minħabba l-ħsarat bil-maltemp jew raġunijiet oħra.  Fil-fatt ilbieraħ tneħħew xi slielem u twapet minn mall-kosta ta’ San Ġiljan u tas-Sliema minħabba li kellhom ħsarat żgħar.  Matul ix-xhur tax-Xitwa, is-slielem kollha u l-bqija tal-infrastruttura tinqala’ kollha biex issir il-manutenzjoni.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here