Home TVM (Bil-Malti) ARA: Fiex wasal ix-xogħol fuq il-pont pedonali tal-Imrieħel?

ARA: Fiex wasal ix-xogħol fuq il-pont pedonali tal-Imrieħel?

10
0
SHARE
Advertisement

Il-proġett tal-pont pedonali fil-bypass tal-Imrieħel għadu mhux komplut għax jonqos l-istallazzjoni ta’ liftijiet. Transport Malta qalet liċ-ċentru tal-aħbarijiet li qed tieħu kull azzjoni li jippermettilha l-kuntratt biex il-kumpanija twaħħal dawn il-liftijiet ħalli l-pont ikun aċċessibbli għal kulħadd.

Il-pont pedonali li jaqsam il-bypass tal-Imrieħel inbena mingħajr ma l-gvern ħareġ ewro f’fondi pubbliċi. Transport Malta użat metodu innovattiv li bih il-kumpanija li ntgħażlet wara proċess kompetittiv kellha tfassal, tibni, topera u tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-pont għal perjodu ta’ għoxrin sena. Mill-banda l-oħra, il-kuntratt jaħseb biex l-introjtu mir-reklamar fuq il-pont imur kollu fil-bwiet tal-kumpanija u b’hekk tagħmel tajjeb għall-investiment li tkun għamlet.

Il-pont beda jiġi stallat f’April. Żjara fuq il-pont turi li wieħed jista’ jużah biex jaqsam il-bypass, la darba juża t-taraġ li hemm fuq kull naħa. Madankollu s’issa ma jistax jintuża minn persuni b’diżabbiltà fiżika jew bi problemi ta’ mobbiltà jew bil-pushchairs.

Fi tweġiba għal domandi tal-PBS, kelliem għal Transport Malta qal li waqt li l-kumpanija bniet il-pont kif mistenni minnha, qed tonqos mill-obbligi tal-kuntratt li tinstalla l-liftijiet fuq kull naħa.

Mistoqsi meta hu kkalkulat li l-proġett ikun lest minn kollox u jekk il-kumpanija hix se tintalab tħallas penali għad-dewmien, kelliem għal Transport Malta qal li l-awtorità qed tieħu kull azzjoni li jippermettilha l-kuntratt biex tikkonvinċi lill-kumpanija twaħħal il-liftijiet u b’hekk il-pont ikun jista’ jintuza min kulħadd kif kien imfassal.

Il-proġett ta’ pont pedonali fuq il-bypass tal-Imrieħel ġie kkummissjonat minn Transport Malta u sar biex joffri aktar sigurtà għal għadd ta’ familji li joqogħdu fiż-żona magħrufa bħala “tal-Blat 2” meta jkunu jeħtieġu jaqsmu l-bypass tal-Imrieħel fi triqithom minn u lejn iċ-ċentru ta’ Ħal Qormi. Tnax-il sena ilu, żewġt tfajliet mietu wara li ttajru minn vettura waqt li kienu qed jaqsmu din it-triq li tintuża minn eluf ta’ vetturi.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here