Home TVM (Bil-Malti) Iben Yana Mintoff jixhed fil-kontro-eżami

Iben Yana Mintoff jixhed fil-kontro-eżami

8
0
SHARE
Advertisement

Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra r-Rumen, Ggoergge Popa, ta’ 39 sena li qed ikun akkużat li kkaġuna feriti ħfief fuq Yana Mintoff Bland u binha f’argument dwar ir-relazzjoni ta’ bejniethom. F’Kontro-eżami tax-xhieda tiegħu, iben Yana Mintoff Bland, Daniel Mainwaring qal li huwa diffiċli jgħid jekk Popa kienx midrub meta huwa daħal fil-karma, għaliex ma tantx kellu kuntatt miegħu. Mainwaring qal li huwa daħal fil-kamra fejn kien hemm ommu u l-aggressur, qala’ d-daqqa ta’ sikkina mingħand Popa u reġa’ ħareġ. Qal li jekk dan kellu ħames daqqiet ta’ sikkina f’dak il-ħin probabbli kien jinduna, iżda ma jistax ikun ċert.

Huwa qal li f’dik il-lejla kien qiegħed miġbur ma’ sħabu fid-dar li hija bieb ma’ bieb ma’ t’ommu, idoqq il-ukulele, meta beda jisma’ ħsejjes ta’ tisbit. Qal li huwa ħaseb ħażin u għalhekk f’inqas minn minuta wasal għand ommu fejn mar biex jara x’qed jiġri. Qal li fiċ-ċirkostanzi mexa fuq l-istint, għaliex meta sema’ lil ommu fil-bżonn, ħass li kien ġara xi ħaġa u mar biex jiddefendiha. Sostna li sab lil Popa jipprova joqtolha u nifdilha sikkina f’sidirha.

Mistoqsi dwar it-tempra tal-akkużat, Mainwaring wieġeb li Popa kellu karattru instabbli, ma kellux empatija, u kien aggressiv verbalment. Sostna li kien possessiv fil-konfront ta’ Yana Mintoff u kemm-il darba kien aggressiv magħha. Madankollu qal li qatt ma kien ra lill-akkużat fiżikament jerfa’ jdejh fuq is-Sinjorina Mintoff. Qal ukoll li qatt ma kien iffaċċja lill-akkużat dwar l-attitudni tiegħu, għaliex mhuwiex persuna li tista’ tirraġuna miegħu. Mistoqsi jekk kienx qed iġorr xi ħaġa biex jiddefendi lil ommu Mainwaring wieġeb li kienu ilhom jirrepetu l-istess ħaġa għal xhur sħaħ, huwa daħal jiġri fil-kamra, qala’ daqqa ta’ sikkina, u reġa’ ħareġ.

L-avukat Joseph Giglio li qed jidher bħala Parte Civile għall-akkużat staqsa lil Minwaring b’liem lingwa bdew jikkomunikaw mal-akkużat, bix-xhieda jwieġeb li dejjem tkellmu bl-Ingliż. Surġent mill-għassa ta’ Raħal Ġdid qal li fl-istqarrija tiegħu l-akkużat tkellem bl-Ingliż, għaliex ma kellhomx interpretu. Sostna li l-akkużat fl-ebda ħin ma talab għal interpretu.

Xehed ukoll uffiċjal li eżamina x-xena tar-reat, li qal li kien ħa kampjuni tad-demm tal-akkużat mit-taraġ, iżda mhux mill-kamra tas-sodda tal-villa f’Ħal Tarxien, għaliex ried permess speċjali għalhekk.

Il-każ se jkompli jinstema’ f’Settembru fejn se jsir il-kontro-eżami tal-esperti forensiċi.

Ara wkoll: http://www.tvm.com.mt/mt/news/iben-yana-mintoff-jixhed-kif-sab-lil-ommu-feruta-u-qala-daqqiet-ta-sikkina/

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here